Il-Ħadd, 5 ta’ April 2009

Allużjoni u Karattri Omosesswali fin-Novella ta' Lino Spiteri: Meta Jdellel il-Qamar



















Meta Jdellel il-Qamar (2005)

"...Iktar ma berrnet l-omm, iżjed qorbot lejn ħsieb wieħed: Toninu tagħha kien jeħtieġ mara li tibqa’ ddur bih meta ma tkunx għadha tista’ tagħmel dan hi. Dal-
ħsieb nisslilha ieħor: fejn se ssib waħda li tkun tridu lil Toninu mir-raħal tagħhom, imqarqċin kif saru t-tfajliet tal-lum? Mhux l-ewwel darba li meta jinżel magħha u ma’ wliedha għall-quddiesa tal-Ħadd, ikun hemm tfajliet li jaħslu se jiddieħku b’Toninu, jarawh jimxi b’dik il-lajma, jisimgħuh jitkellem itemtem u mitluq, jistħi mqar li jgħolli għajnejh mill-art. Darba Indri, li bħala l-kbir kien iħoss li t-toqol ta’ missier għal ħutu waqa’ fuqu, stqarr magħha li hu, Baskal jew Ġanni ġieli ħatfu lil xi ħadd li ħaseb li jista’ jgħaddi ż-żmien b’ħuhom, meta kultant imorru jixorbu xi ħaġa minn barra...."

"...Tona u Nina ħeffu l-ħwejjeġ kemm setgħu u Rita u Toninu ma damux ma żżewġu, b’xi wħud jiddieħku minn warajhom huma u l-koppja kienu ħerġin mill-knisja. Dik il-lejla, Rita mill-ewwel fehmet li tgħabbiet b’iktar milli kien jidher fil-beraħ, u la dak li dewwaqha Robert, u lanqas li kien hemm ma’ oħrajn m’hu se jkun Toninu li jagħtiha wisq minnu, anki li kieku baqgħet tixtiequ..."
Meta Jdellel il-Qamar hija novella qawwija miktuba b'Malti rikk u sabiħ dwar il-ħajjiet, relazzjonijiet u ġrajjiet li jgħaddu minnhom għadd ta' familji ta' sajjieda min-nofsinhar ta' Malta wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Mill-imħabba għall-mibgħeda, mill-ingann għall-qtil, din in-novella intensa fiha wkoll allużjoni għal karattru omosesswali, Toninu.












Lino Spiteri huwa ekonomista, politiku, opinjonista u kittieb Malti. Ġie elett fil-Parlament ta’ 23 sena fl-1962 mal-Malta Labour Party, u serva b’kollox għal 21 sena, sitta minnhom fil-kabinett, sa ma rtira mill-politika fl-1998. Twieled Ħal Qormi fil-21 ta’ Settembru, 1938, iżżewweġ lil Vivienne neé Azzopardi fl-20 t’Awwissu, 1964 u għandhom erbat itfal, Noelle, Bertrand, Lara u Lincoln.
Ħajr lil Lino Spiteri

No comments:

Post a Comment