
jien il-bhima mjassra
u int ir-ruħ qaddisa.
la tħallinix noħlom iżjed,
bil-warda ħamra tal-passjoni
la tgħaddasnix iktar 'l isfel,
bis-sbuħija tiegħek.
għax jien tperriċt ma' tarf l-irdum
biex naqta' l-warda ipprojbita,
jien iġġebbidt f'tarf l-abissa,
ser naqa' u ma naqax.
..u meta waqajt u qtajtha
slitt minnha kullana petali.
..u meta qtajtha u waqajt,
dawwartha m'għonqok sħun,

u għadni qiegħed immut
biex inxomm dik il-warda
mdeffsa ġon-nokkli ta' xagħrek.
..iżd'issa minflok dal-loppju
ser intaqqab xufftejja
biex ninsa l-ħlewwa tal-bews,
ser insodd widnejja,
bħal ma jagħmlu l-baħħara taħt il-qamar
matul vjaġġi twal fuq il-baħar,
biex ma jisimgħux l-għanja tas-sireni.
u ser nitpinġa
b'sarima taħraq tal-ħadid,
bi qlub u bi ktajjen,
biex ma nħossx għonqok sħun ma' dahri,
imbagħad għajnejja ser naqla' t-tnejn 'il barra,
ħalli ma jissuktawx jaraw fik
dehriet ta' xenqa
u xewqat ipprojbiti.
u darba għal dejjem,
ninsa t-tifkira sħuna tiegħek,
ix-xewk ta' pjaċir
li minnu tinsilet
dil-warda ta' passjoni,

ser naħseb biss
f'dis-sodda iebsa u kiesħa tal-injam
fejn issa qed immut
taħt sema inġazzat.
ikun aħjar li jħanxruli idejja
u nibbies fi statwa tal-melħ
milli nerġa' nisker
fil-fwieħa tal-ward.
Steve
No comments:
Post a Comment