It-Tlieta, 14 ta’ April 2009

Stedina għall-Programm Televiżiv IMREWĦA

Irċevejna din l-istedina għall-kittieba mingħand is-Sur Frans Attard, kordinatur tat-taqsima dwar kotba u pubblikazzjonijiet għall-programm televiżiv Imrewħa:

Sinjuri,

Wara s-suċċess tal-programm MREWĦA fiż-żewġ skedi ta’ qabel, ġie deċiz li l-programm jitkompla fit-tielet skeda minn April sa Ġunju.

Qed nestendi l-istedina tiegħi għal kittieba li jixtiequ li jiġu intervistati fil-programm dwar il-kotba tagħhom, biex jiktbuli ħalli jiġu mdaħħla fil-lista tagħna għax naturalment il-ħin hu dejjem problema.

Il-programm kulturali MREWĦA jkun fih dettalji dwar drama arti u kotba. Jien qed nieħu ħsieb il-parti tal-kotba u pubblikazzjonijiet.

Il-programm MREWĦA jiġi mxandar fuq FAMILY TV (fuq il-Melita cable) nhar ta’ Tnejn fis-6.50pm u b’repettizzjoni nhar ta’ Ġimgha fl-10.00 pm.

Il-pubblikaturi jistgħu ukoll jissuġerixxu xi awturi li jkunu ħarġu xi ktieb reċentament.

Indirizz postali:

MREWHA

Family TV

Triq l-Indina,

Haż-Żebbug

e-mail: mrewha@familytv.com.mt

info@uptrend-malta.com

Il-Ħamis, 9 ta’ April 2009

Poeżija: Mid-Dellirju tal-Midneb












jien il-bhima mjassra
u int ir-ruħ qaddisa.

la tħallinix noħlom iżjed,
bil-warda ħamra tal-passjoni
la tgħaddasnix iktar 'l isfel,
bis-sbuħija tiegħek.

għax jien tperriċt ma' tarf l-irdum
biex naqta' l-warda ipprojbita,
jien iġġebbidt f'tarf l-abissa,
ser naqa' u ma naqax.

..u meta waqajt u qtajtha
slitt minnha kullana petali.
..u meta qtajtha u waqajt,
dawwartha m'għonqok sħun,











u għadni qiegħed immut
biex inxomm dik il-warda
mdeffsa ġon-nokkli ta' xagħrek.

..iżd'issa minflok dal-loppju
ser intaqqab xufftejja
biex ninsa l-ħlewwa tal-bews,
ser insodd widnejja,
bħal ma jagħmlu l-baħħara taħt il-qamar
matul vjaġġi twal fuq il-baħar,
biex ma jisimgħux l-għanja tas-sireni.

u ser nitpinġa
b'sarima taħraq tal-ħadid,
bi qlub u bi ktajjen,
biex ma nħossx għonqok sħun ma' dahri,
imbagħad għajnejja ser naqla' t-tnejn 'il barra,
ħalli ma jissuktawx jaraw fik
dehriet ta' xenqa
u xewqat ipprojbiti.

u darba għal dejjem,
ninsa t-tifkira sħuna tiegħek,
ix-xewk ta' pjaċir
li minnu tinsilet
dil-warda ta' passjoni,









ser naħseb biss
f'dis-sodda iebsa u kiesħa tal-injam
fejn issa qed immut
taħt sema inġazzat.

ikun aħjar li jħanxruli idejja
u nibbies fi statwa tal-melħ
milli nerġa' nisker
fil-fwieħa tal-ward.

Steve

Il-Ħadd, 5 ta’ April 2009

Allużjoni u Karattri Omosesswali fin-Novella ta' Lino Spiteri: Meta Jdellel il-Qamar



















Meta Jdellel il-Qamar (2005)

"...Iktar ma berrnet l-omm, iżjed qorbot lejn ħsieb wieħed: Toninu tagħha kien jeħtieġ mara li tibqa’ ddur bih meta ma tkunx għadha tista’ tagħmel dan hi. Dal-
ħsieb nisslilha ieħor: fejn se ssib waħda li tkun tridu lil Toninu mir-raħal tagħhom, imqarqċin kif saru t-tfajliet tal-lum? Mhux l-ewwel darba li meta jinżel magħha u ma’ wliedha għall-quddiesa tal-Ħadd, ikun hemm tfajliet li jaħslu se jiddieħku b’Toninu, jarawh jimxi b’dik il-lajma, jisimgħuh jitkellem itemtem u mitluq, jistħi mqar li jgħolli għajnejh mill-art. Darba Indri, li bħala l-kbir kien iħoss li t-toqol ta’ missier għal ħutu waqa’ fuqu, stqarr magħha li hu, Baskal jew Ġanni ġieli ħatfu lil xi ħadd li ħaseb li jista’ jgħaddi ż-żmien b’ħuhom, meta kultant imorru jixorbu xi ħaġa minn barra...."

"...Tona u Nina ħeffu l-ħwejjeġ kemm setgħu u Rita u Toninu ma damux ma żżewġu, b’xi wħud jiddieħku minn warajhom huma u l-koppja kienu ħerġin mill-knisja. Dik il-lejla, Rita mill-ewwel fehmet li tgħabbiet b’iktar milli kien jidher fil-beraħ, u la dak li dewwaqha Robert, u lanqas li kien hemm ma’ oħrajn m’hu se jkun Toninu li jagħtiha wisq minnu, anki li kieku baqgħet tixtiequ..."
Meta Jdellel il-Qamar hija novella qawwija miktuba b'Malti rikk u sabiħ dwar il-ħajjiet, relazzjonijiet u ġrajjiet li jgħaddu minnhom għadd ta' familji ta' sajjieda min-nofsinhar ta' Malta wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Mill-imħabba għall-mibgħeda, mill-ingann għall-qtil, din in-novella intensa fiha wkoll allużjoni għal karattru omosesswali, Toninu.












Lino Spiteri huwa ekonomista, politiku, opinjonista u kittieb Malti. Ġie elett fil-Parlament ta’ 23 sena fl-1962 mal-Malta Labour Party, u serva b’kollox għal 21 sena, sitta minnhom fil-kabinett, sa ma rtira mill-politika fl-1998. Twieled Ħal Qormi fil-21 ta’ Settembru, 1938, iżżewweġ lil Vivienne neé Azzopardi fl-20 t’Awwissu, 1964 u għandhom erbat itfal, Noelle, Bertrand, Lara u Lincoln.
Ħajr lil Lino Spiteri

Is-Sibt, 4 ta’ April 2009

Maurice - Ir-Rumanz Pijunier tal-Letteratura Moderna Gay u Xeni mill-Film (1987)

"Maurice" - rumanz dwar storja ta' imħabba bejn żewġt irġiel minn klassijiet soċjali differenti fl-Ingilterra tal-bidu tas-seklu 20. Ir-rumanz inkiteb mill-kittieb famuż (u omosesswali) Ingliż, E.M.Forster, magħruf għar-rumanzi ferm sbieħ tiegħu: Howard's End, A Passage to India u A Room with a View.



http://www.youtube.com/watch?v=XcBU1brKxFA

Matul ħajtu, E.M.Forster qatt ma ried li jiġi ippublikat ir-rumanz tiegħu "Maurice" minħabba fl-attitudnijiet soċjali u legali lejn l-omosesswalita' fl-Ingilterra ta' dak iż-żmien. Fil-fatt, f'nota miktuba fuq il-manuskritt, E.M.Forster kien kiteb: "Publishable - but worth it?"

Ir-rumanz urieh lil xi ħbieb bħal Christopher Isherwood, iżda mil-bqija ftit kienu dawk li jafu bih sal-1971 meta r-rumanz fl-aħħar ġie ippubblikat wara l-mewt ta' Forster. Ir-rumanz kien inbeda fl-1913 u jirrakonta l-istorja ta' Maurice Hall, iben familja benestanti Ingliża li fi żmien l-Universita' f'Eton isir iħobb lil Clive, student ieħor. Matul iż-żmien Clive jaqta' minn ma' Maurice u jiżżewweġ u anke joħrog għall-politika u jgħid lil Maurice li għandhom jinsew l-aspett romantiku li kien hemm bejniethom.



http://www.youtube.com/watch?v=IQIOu2RmEm0

Maurice jipprova jinbidel għal eterosesswali, fil-fatt jibda jmur għand psikoterapista, pero donnu iktar jaqa' f'disprament. Stedina mingħand Clive tlaqqgħu mas-seftur Alec Scudder li jkun ġej mil-klassi baxxa Ingliża pero li jkun innotah sew lil Maurice...



http://www.youtube.com/watch?v=f7oMkykKgWc

Ir-rumanz "Maurice" huwa meqjus bħala pijunier tal-letteratura gay moderna u nħadem bħala film fl-1987 taħt id-direzzjoni ta' James Ivory u b'Hugh Grant (Clive), James Wilby (Maurice) u Rupert Graves (Alec) bħala protagonisti. Jieħu sehem fil-film ukoll Ben Kingsley fir-rwol tal-psikoterapista.










E.M. Forster
(1879 - 1970)

Il-Ġimgħa, 3 ta’ April 2009

Silta mid-Dramm "Iċ-Ċella" ta' S. Portelli









Karattri:


§ Wardasewda, priġunier ismar u mibni, eta’ madwar 40 sena.

§ Kanarin, priġunier irqiq u żagħżugħ, eta’ madwar 20 sena, tattoo fuq spallejh

§ Gwardjan, raġel twil, atletiku, eta’ madwar 30 sena


Ċella vojt ta’ ħabs. Spotlight fuq in-nofs fejn jidher il-gwardjan. Mal-ġnub tiegħu jidhru Kanarin u Wardasewda faċċata ta’ xulxin, mingħajr ma jitħarrku, wieħed fuq ix-xellug u l-ieħor fuq il-lemin tal-Gwardjan.












Gwardjan: Liż-żagħżugħ gabuh hawn fil-ħabs fi stat ta’ ġenn, ta’ ġenn totali. Kienet l-ewwel esperjenza tiegħu bejn ħitan magħluqa. Għalkemm ga’ kien delinkwent żgħir, l-esperjenza tal-ħabs għalih kienet trawma. Kien jibki u jgħajjat matul il-lejl, jokrob bl-uġigħ, l-iktar dak psikologiku.


Kienu akkuzawh li qatel lil wieħed xiħ li kien daħħlu d-dar wara li ġabru fil-ġnien ta’ wara l-knisja. Ix-xiħ ried ikun jaf liż-żagħżugħ ‘aħjar’, biex ngħidu hekk. Naħseb fhimtuni, x’irrid ngħid. Iż-żagħżugħ, fil-bluha taż-żgħożija tiegħu, approfitta ruħu biex jisraq lix-xiħ. Ħlief li mar żmerċ għax ix-xiħ intebaħ li ż-żagħżugħ kien ser jieħu l-flus u qabad jargumenta miegħu. Heddu li se jċempel lill-pulizija. Iż-żagħżugħ ipprova jaħrab, ix-xiħ qabad iċempel, bdiet taqtiegħa qalila u ż-żagħżugħ ħareġ il-mus u…nsomma affarijiet li drajna nisimgħu bihom, naqraw fuqhom fil-ġurnali.


L-għada t-tfal tax-xiħ sabuh mejjet fis-salott wara li dan ma weġibhomx. Bdiet it-tfittxija u ma damux ma arrestaw liż-żagħżugħ. Għamlulu proċess ta’ malajr u daħħluh hawn ġew wara s-sentenza. Ma kellux min jiddefendih. Ġħall-ewwel kien joqgħod waħdu, bħal mutu, ma jkellem lil ħadd. Kienu jaqbdu ħafna miegħu. Niftakru għaddej fil-kuriduri kisħin u twal, fl-ibtieħi mudlama, waħdu, mnikket…


Imbagħad gie Wardasewda li kien akkużat bi qtil tal-mara li kien iħobb u li qabadha taqlibhielu. Hu jsostni li huwa nnoċenti u mhux hu kien li qatilha. Min jafu sew jgħid li Wardasewda jasal biex joqtol, iżda dwaru m’hemmx provi. Minkejja dan kollu ntbagħat għaxar snin ħabs u nzerta ġie fit-taqsima taż-żagħżugħ.










Wardasewda u ż-żagħżugħ mill-ewwel nġibdu lejn xulxin, bħal żewġt aħwa, wieħed il-kbir u l-ieħor iż-żgħir, żewġt aħwa fid-delinkwenza. Jissarraw, jiċċajtaw, jieħdu gost flimkien, wara ftit ġimgħat kienu nbidlu għal kollox. U hekk bdiet r-rabta stramba ta’ bejn il-ġgant Wardasewda u ż-żagħżugħ Kanarin kif beda jsejjaħlu Wardasewda...


Jintefa’ d-dawl tal-ispotlight u l-gwardjan joħroġ. Jixgħel id-dawl, jibdew jiċċaqilqu u jitkellmu Wardasewda u Kanarin..

----

Wardasewda: U int…kieku ma tgħinnix?


Kanarin: Biex nagħmlu xiex?



Wardasewda: Biex noqtluh.


Kanarin: Ma rridx nerġa’ niddaħħal fi ħwejjeġ bħal dawn. Ġa’ biżżejjed li ntbgħatt għoxrin sena ħabs talli qtilt lix-xiħ.


(jitbikkem)


Wardasewda: Ma ridtx infakkrek. Skużani ħabib jekk weġġajtek.


Kanarin: (ikompli jitbikkem)


Wardasewda: Aħna t-tnejn tal-istess razza, magħmulin tal-istess stoffa, bl-istess demm qattiel fil-vini tagħna. Bħall-aħwa. Għalhekk tinkwetax…


Kanarin: Insiha. Imm’issa għidli, meta ser tkun ħieles, ser tibqa’ tiġi żżurni?


Wardasewda: Dażgur li niġi, ħabib. Nibqa’ niġi ta’ sikwit bħal ma ġejt kuljum fiċ-ċella tiegħek matul il-priġunerija tagħna flimkien.













Kanarin: Grazzi, xbin.


Wardasewda: Għedtlek ġa’. Aħna tal-istess demm.

(jerġa’ jgħannaq lil Kanarin miegħu)


Meta rajtek għall-ewwel darba, mal-ewwel għaraftek, avolja ma kontx nafek. Għaraft li int tixbahni. Anzi – mhux biss tixbahni, imma int bħali, bħal ħija ż-żgħir. Qatt ma kelli ħija żgħir,dejjem xtaqt ikolli tifel biex nieħu ħsiebu, mindu kont żgħir. Kont narak ġoċ-ċella tiegħek, mistħi,bħal tistenna lil xi ħadd jiġi biex isalvak, jaqilgħek mis-swidija li kont waqajt fiha. Naħseb kienetil-ħarsa tiegħek, meta rajt ix-xbiha tiegħek fil-mera. U t-tpinġija ta’ fuq spallejk.


Kanarin: (bid-daħka) It-tpinġija ta’ Kanarin? (iħares lejn it-tpinġija fuq spallejh)


Wardasewda: Iva, t-tpinġija fuq spallejk ġiegħlitni nsejjaħlek Kanarin. Intbaħt li kien hemm xi ħaġa fik li jien kont naf sew avolja qatt ma kont iltqajt miegħek qabel. Xi ħaġa ħelwa u fl-istess ħin perikoluża…bħal ħelwa miksija bil-velenu…jew sikkina taqta’ il-laħam il-ħaj...


Kanarin: U issa ser jifirduna…


Wardasewda: Għad nerġa’ niġi hawn, Kanarin u nġiblek miegħi għasfura sabiħa wkoll. Għasfura li magħha tieħu gost u jkollok ukoll il-flieles.


Kanarin: Kif nista’ nagħmlu dan minn hawn ġew?



Wardasewda: Int ibża’ għall-imgieba tiegħek u jagħtuk il-liberta’ kif tawha lili.


Kanarin: Ma naħsibx, Wardasewda. Naħseb li ser ikolli nqatta’ l-bqija tal-jiem ta’ ħajti maqful f’din iċ-ċella sewda, ninqered bil-mod il-mod waqt li int tibda ħajja ġdida, ‘il bogħod minni. U lili ħadd ma jarani iktar, ħadd ma jkun jaf iktar bija…u dal-kliem ma jkun sewa għalxejn, qisu qatt ma’ sar…

Wardasewda: (ma jitniffisx)

Il-Ħamis, 2 ta’ April 2009

Il-ħalq toqba ... u allura jrid jinsadd (Immanuel Mifsud)























L-omosesswalita' mhix parti mit-tradizzjonijiet Maltin?

(Ħajr lil http://www.queermalta.com)


Joseph Chetcuti huwa avukat Malti li ma nafx meta emigra lejn l-Awstralja. Qatt ma ltqajt miegħu, imma xi xhur ilu bagħatli email dwar il-kotba tiegħi. Fil-Milied bagħatli kartolina wkoll. Għamel ħoss kbir fuq il-blata għaliex għaxar snin ilu kiteb Il-Ktieb ir-Roża, sa fejn naf jien l-ewwel ktieb f'Malta li jitkellem fuq l-omosesswalita' - żgur li l-ewwel ktieb f'Malta dwar l-omosesswalita' miktub minn omosesswali.

Joseph Chetcuti reġa' kitibli xi jumejn ilu; kitibli biex jilmenta li safa ċċensurat. Kien se jagħti paper dwar il-letteratura Maltija u l-kunsill Malti fl-Awstralja - il-kunsill Malti - iċċensurah. Anzi mhux iċċensurah: għalaqlu ħalqu.












Joseph Carmel Chetcuti,
avukat,
kittieb u attivist eminenti Malti-Awstraljan


Il-ħalq toqba, u t-toqob qegħdin hemm biex jinstaddu.

L-istorja ta' Chetcuti u l-ħalq misdud issibuha hawnhekk. Skond l-artiklu, il-kunsill Malti f'Victoria ma riedx li tiġi ppreżentata l-paper għal raġunijiet reliġjużi, għax qal li l-paper ma kellha x'taqsam xejn mal-letteratura. Is-sabiħa hi li l-kunsill ma qrax il-paper!

Il-ħalq toqba, u t-toqob qegħdin hemm biex jinstaddu.

Ma nistax ma niftakarx il-kjass li sar sena ilu għax il-Misilmin ħadu għalihom bil-karikaturi tal-Profeta. U lanqas ma nista' ninsa li kellna xi illustri jiktbu fuq l-internet u jippubblikaw l-istess karikaturi fuq is-siti personali tagħhom biex jiddandnu li jemmnu fil-liberta' tal-kelma. U lanqas ma nista' ninsa li dawn it-talin serrħu rashom li aħna Ewropej, mhux Għarab, mhux Misilmin, u bħala Ewropej aħna - de facto - nemmnu fil-liberta' tal-kelma. Ma nistax ninsa.

Qed insemmi r-reliġjon għax skond l-artiklu li rrapporta l-istorja ta' Chetcuti hemm ordni reliġjuż marbut mas-sadd ta' ħalq l-avukat Malti.



L-għanja ta' l-emigrant


Imma x'inhu li jbeżża' tant lill-kunsill Malti ta' Victoria u lill-ordni reliġjuż li mid-dehra huwa tant influwenti?

Hemm xiħaġa fl-emigranti tagħna. Donnu li ħafna minnhom iġorru l-istampi pittoreski ta' Marsaxlokk, jew il-pitturi ħelwin ta' Caruana Dingli tan-nisa bil-faldetta, u jistħajluhom perpetwi. Qisu n-nostalġija lejn pajjiżhom tahielhom Dun Karm, l-istess Caruana Dingli, u l-bella kumpanija. Niftakar liz-ziju Manwel ġej għall-btajjel minn Londra u kif jitfaċċa fl-arrivals kien jiġbidlek għajnejk mhux wiċċu jew surtu imma s-salib tal-kavallieri daqsiex imdendel m'għonqu, jew Frans ta' Berta l-Kerha jistagħġeb li f'Malta "daħlu d-discos ta' tard billejn". Iridu jħallu l-illużjoni ta' pajjiżhom il-fior del mondo, il-gwerriera ta' wiċċha roża u mfaqqa' tisħaq ras it-Tork.

U allura tista' tifhem l-għala Joseph Chetcuti - attivist omosesswali - jispiċċa iċċensurat. Mela f'Malta għandkom il-gays? Mela f'Malta jiktbu l-poreżiji u n-novelli fuq il-gays? Mela Malta tista' qatt titlef il-boxxla jew? Mela lill-emigrant Malti, li għad għandu t-togħma tal-pastizz f'ħalqu, se ngħidulu li hemm min ma jħobbx il-pastizzi? Jew se ngħidulu li Malta saret parti mid-dinja jew? Anzi, ngħidulu li Malta għadha bla divorzju mhux bħall-Owropa! Anzi, ngħidulu li Malta għadha Nisranija, u issa se ssir aktar għax se jkollha l-ewwel qaddis! Anzi, ngħidulu wkoll li ta' l-Owropa qed jittieħdu minn Malta fuq il-liġijiet tad-divorzju, ta' l-abort, taż-żwiġijiet raġel ma' raġel u mara ma' mara: ħarsu lejn il-Polonja!

Min il-qaħba hu Chetcuti?


















Inti d
jamant, f'nofs il-Mediterran

2001, Pariġi. Xiħadd ma nafux qiegħed jaqra traduzzjoni Franċiża ta' l-istorja tiegħi Ruby. Ninsabu f'sala ppakkjata sa ruħ ommha. F'nofs il-lejla nintebaħ li l-maġġoranza tan-nies huma emigranti Maltin li tefgħu l-ankri Pariġi wara li salpaw jew minn Marsilja jew minn Algiers. Uħud minnhom lanqas biss qatt ma resqu lejn Malta imma f'subgħajhom hemm is-salib bi tmien ponot. Oħrajn mhux żgur jafu fejn tiġi din il-gżira imma jħossuhom Maltin daqsi li xbajt ngħix fuqha. Wara li tinqara l-istorja jkun hemm xi żewġ interventi oħrajn, imbagħad bibita. Jersqu fuqi nies li ma nafhomx minn Adam u jitolbuni nkellimhom bil-Malti, hekk biex jisimgħu l-mużika ħelwa tal-lingwa li xi darba minn jaf kemm dagħa biha buż-bużnannuhom. Qed infittex lit-traduttriċi ħalli nirringrazzjaha tax-xogħol li għamlet.

Imbagħad tgħidli li lill-Maltin li kienet taf hi ma qrathielhomx l-istorja. "Ma ridtx nirvinalhom l-idea li għandhom ta' Malta." Hekk qaltli. L-istorja tiegħi kienet se tistupralhom dik il-mara ta' ħaddejha roża li pitter Caruana Dingli, dik il-bidwija ta' ġenbejha kbar u sidirha jitbandal li saħan għaliha Dun Karm fl-għelieqi mhux mittiefsa fil-limiti ta' Ħaż-Żebbuġ. Ruby ma tilbisx il-faldetta, anzi tagħmel l-istrip tease fil-garaxx fgat bir-riħa tal-kannabis. Mela allura, Ruby mhijiex Maltija.


Dottor Chetcuti

Dottor Chetcuti, qed tippretendi wisq, ruħi. Aħna nemmnu fil-liberta' tal-kelma, dażgur li nemmnu. Imma int qed tippretendi wisq. Int libertinaġġ trid mhux liberta'. Eeee, issa dik storja oħra. X'għandha x'taqsam il-letteratura Maltija mal-ktieb ir-roża tiegħek? Tħawwadniex tafx! Tħawwadniex! Mela għax tħawdet id-dinja kollha se nħalluk tħawwad lil Malta jew?

post scriptum

Dottor Chetcuti, meta se naqraw din il-paper oxxena tiegħek? Issa, qabbadtna l-kurżita'!

kitba ta' Immanuel Mifsud (8 ta' Mejju 2007)

Tista' taqra dan l-artiklu wkoll fuq:

http://sibtblobb.blogspot.com/2007/05/il-alq-toqba.html

Ħajr lil Immanuel Mifsud u lil Joseph Carmel Chetcuti tal-għajnuna tagħhom

L-Erbgħa, 1 ta’ April 2009

Silta ta' letteratura Gay bil-Malti... u mela m'hawnx letteratura Gay










Fost l-iktar rumanzi li għamlu suċċess f'dawn l-aħħar snin insibu ġojjell tal-letteratura gay bil-Malti: "Xandru - Miżżewweġ u Gay", rumanz li jista' jiġi deskritt bħala splussiv u l-ktieb-rivelazzjoni tal-letteratura Maltija tal-ewwel snin tas-seklu 21. Qed inxandru silta minn dan il-ktieb ferm sabiħ ta' Javier Vella Sammut:

"...hu u l-maħbub tiegħu jinżgħu l-buttuni tal-qmis ‘il xulxin. Id-dawl nemmien ħamrani, il-mużika fl-isfond u l-ilsien jinżel jobrox mal ġisem għeri minn taħt il-għonq. U jħalli warajh it-tiżlig li jħalli bebbuxu fi triqtu. U mbagħad qajl, qajl jibda t-tinżigħ tal-qliezet: iċ-ċinturin jaqa' mill-idejn u jisserrep ma' l-art u jibqgħu sejrin hekk sa ma' l-iġsma taċ-żewġt irġiel maħbubin ikunu għerja għal kollox. U l-ilsien nebbiexi jibqa' jiskopri mogħdijiet u xagħri sa ma jsib virga virili u mqajma u għatxana għall-pjaċir li joffri l-ġisem. U l-virga tidħol tinfed u tgħarrex fid-dalma tal-ġewwien u jiltaqgħu ġisem ma' ġisem u ruħ ma' ruħ sal-mument estatiku ta' l-orgażmu

Silta ta’ proża mir-rumanz attwali

Xandru Miżżewweġ u Gay

Bronk Publication 2008

u li reġa’ jinsab għall-bejgħ




It-Tlieta, 31 ta’ Marzu 2009

Jean Genet (1910 - 1986) Kittieb Franċiż u Poeżija/Film: Un Chant d'Amour - Għanja ta' Imħabba (1950)










Jean Genet
, (imwieled id-19 ta’ Diċembru 1910, miet il-15 ta’ April 1986) kien rumanzier, drammaturgu, poeta, esejist u attivist politiku prominenti u kontroversjali Franċiż. Iben ta’ prostituta fqira, meta kien zgħir kien vagabond u ġieli nqabad jisraq, iżda mbagħad beda jikteb. Ix-xogħlijiet prinċipali tiegħu jinkludu r-rumanzi famużi tiegħu Querelle ta’ Brest, Il-Ġurnal ta’ Ħalliel, Il-Madonna tal-Fjuri u l-plejs Il-Gallarija, Is-Suwed, Il-Qaddejja u l-Iskrins.

Poeżija ta’ Jean Genet:











Għanja ta’ Imħabba

Lil Lucien Sénémaud

Ja ragħaj, inżel mis-smewwiet fejn jorqdu l-ħrief tiegħek,
(sħun ma’ sidrek, ja xitwa sbejħa, jien neħilsek)
Taħt nifsi anke jekk is-sess tiegħek tas-silġ
Id-Dija tal-Għodwa tneħħilu d-djugħfija.

Tgħid ninħabbu hekk kif tkun tiela’ x-xemx?
L-għanjiet tagħhom għadhom rieqda fi griżmejn ir-rgħajja,
Mel’ejja niftħu l-purtieri tagħna fuq dal-monument tal-irħam,
Wiċċek niedi u stordut bin-nagħas tal-għodwa.

Iva l-ħlewwa tiegħek tifxilni u ndawwar ħarsti
Lejn il-bastiment imsaħħaħ mill-għerusija tal-gżejjer
u tal-għaxija. Virga għolja! Insult diffiċli,
ja Kontinent iswed tiegħi, libsa ta’ luttu kbir tiegħi!

http://www.youtube.com/watch?v=r_vL-t12S1Q



Inżel iktar 'l isfel għat-tieni parti.

Un Chant d’Amour

A Lucien Sénémaud

BERGER descends du ciel où dorment tes brebis!
(Au duvet d'un berger bel Hiver je te livre)
Sous mon haleine encore si ton sexe est de givre
Aurore le défait de ce fragile habit.

Est-il question d'aimer au lever du soleil?
Leurs chants dorment encore dans le gosier des pâtres.
Ecartons nos rideaux sur ce décor de marbre:
Ton visage ahuri saupoudré de sommeil.

O ta grâce m'accable et je tourne de l'œil
Beau navire habillé pour la noce des Iles
Et du soir. Haute vergue! Insulte difficile
O mon continent noir ma robe de grand deuil!

http://www.youtube.com/watch?v=Jncymy6tloc



Inżel iktar 'l isfel għat-tielet u l-aħħar parti.

LOVE SONG

Translation by Mark Spitzer
To Lucien Sénémaud


SHEPHERD, descend from the sky of your sleeping ewes!
(beautiful Winter, I surrender you to the down of a shepherd)
If your sex is still frosted beneath my breath
dawn undoes it from this fragile dress.

Is it a question of loving at sunrise?
Their songs still sleep in the throats of herdsmen.
Let's open our curtains on this marble decor:
Your dumbstruck face sprinkled with sleep.

Oh your grace overwhelms me, I'm blacking out
beautiful vessel dressed for the wedding of the Isles
and the evening. High yardarm! Hard insult
oh my black continent, my dress of vast grief!

Jean Genet

http://www.youtube.com/watch?v=RJK6B0n_Nxs


Is-Sibt, 28 ta’ Marzu 2009

Tliet Poeżiji ta' Joe Brincat: Dnub tan-nisel, Exiles u Gaia









Dnub tan-nisel

Minkejja d-diversi sforzi
biex naħarbu minnha,
dawn il-memorji kollettivi
jankrawna ma’ dil-blata...
nibqgħu kkakkmati magħha,
nibdew nikkumparawha ma’ barra
u naslu għas-solita konlużżjoni
li m’hawnx isbaħ minnha.

Bħal litanija, l-ommijiet
iġeddu t-tifkiriet t’artna
li ma mmorrux ninsew
minn xiex għaddejna.
Biex nitgħallmu min aħna!
Tagħmel x’tagħmel,
qatt ma teħles
mid-dnub tan-nisel











Exiles

Id-dehra tiegħek ftit il-bogħod
bil-qiegħda fuq il-blat
bil-mużika ta’ żmienna fl-isfond
fuq jukebox, ħaditni lura
ħdejn il-venda tal-linja tal-Belt,
qalbi tferfer, wiċċek jixgħel, samrani,
il-libsa t-twila vjola tal-qoton,
mnejn bdejna, ilu 34 sena.









Gaia


Wara din id-daħqa sterilizzata,
taħt din il-maskra kwalifikata
li permezz tagħha ninnegozjaw
il-bżonnijiet tal-ġisem
li nħema f’ġufek
fi żmien il-qedem,
naħbu n-natura l-baxxa,
nippreżentaw l-imħuħ brillanti tar-razza,
nippużaw għal xulxin
fir-relazzjonijiet diżumani
fuq żewġ saqajn -
skerz tan-Natura -
tant li fis-sapjenza divina tagħna,
fil-ħama ta’ ħsibijietna,
fil-ħażen ta’ qalbna,
ma nirrejaliżżawx
kemm ħassarna dak kollu li ħloqt:
l-art, l-ilma, l-arja.

L-iktar speċi
distruttiva fost l-ispeċi kollha;
l-iktar intelliġenti, l-iktar krudili.

Għalxejn nitolbuk maħfra.
Tant ħriġna l-kruha ta’ rwieħna
li missek tisħet il-mument
li ħloqt l-Art mill-Kaos
biex tipproduċi xi ħaġa moqżieża daqsna.

Nistħu nitolbuk maħfra, omm ħanina.

Fl-aħħar mill-aħħar, nafu l-eżistenza
tagħna lilek, u tlajna, tfal ingrati
li kif tgħallmu jimxu, ħasbu li saru allat
u raw kif jagħmlu biex jiddominaw id-dinja.

Joe Brincat

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Marzu 2009

Konstantinos Petrou Kavafis (Constantine P. Cavafy, 1863 - 1933) u Poeżija: Ithaca



http://www.youtube.com/v/ixqmtE1ZcII&amp

Konstantinou P. Kavafis

huwa wieħed mill-iktar poeti moderni importanti u rinomati Griegi. Kien jgħix f'Lixandra u ħadem kemm bħala ġurnalist kif ukoll bħala uffiċjal pubbliku. Fil-poeżiji tiegħu jiddiskuti aspetti differenti tal-Kristjaneżmu, patrijottiżmu u l-omosesswalita'. B'kollox ippubblika 154 poeżija. Dan il-poeta famuż omosesswali huwa maħbub u studjat kemm fl-universitajiet Griegi kif ukoll f'universitajiet mad-dinja kollha. B'kollox nistgħu nagħrfu tliet kategoriji fil-poeżija tiegħu: il-poeżiji storiċi ispirati mill-wirt ħelleniku u biżantin Grieg u miż-żmien li għadda fl-Eġittu (Cavafy kien jaf ħafna storja), il-poeżija senswali fejn imiss temi omosesswali u temi omoerotiċi u l-poeżija filosofika. Hawnhekk qed inxandru l-poeżija famuża tiegħu "Ithaca", moqrija fuq sfond tal-film bijografiku Grieg "Cavafy" kif ukoll minn Sean Connery fuq sfond tal-mużika ta' Vangelis.

http://www.youtube.com/watch?v=1n3n2Ox4Yfk





http://www.youtube.com/watch?v=-r4hTMYPgcI


When you set out for Ithaka
ask that your way be long,
full of adventure, full of instruction.
The Laistrygonians and the Cyclops,
angry Poseidon - do not fear them:
such as these you will never find
as long as your thought is lofty, as long as a rare
emotion touch your spirit and your body.
The Laistrygonians and the Cyclops,
angry Poseidon - you will not meet them
unless you carry them in your soul,
unless your soul raise them up before you.

Ask that your way be long.
At many a Summer dawn to enter
with what gratitude, what joy -
ports seen for the first time;
to stop at Phoenician trading centres,
and to buy good merchandise,
mother of pearl and coral, amber and ebony,
and sensuous perfumes of every kind,
sensuous perfumes as lavishly as you can;
to visit many Egyptian cities,
to gather stores of knowledge from the learned.

Have Ithaka always in your mind.
Your arrival there is what you are destined for.
But don't in the least hurry the journey.
Better it last for years,
so that when you reach the island you are old,
rich with all you have gained on the way,
not expecting Ithaka to give you wealth.
Ithaka gave you a splendid journey.
Without her you would not have set out.
She hasn't anything else to give you.

And if you find her poor, Ithaka hasn't deceived you.
So wise you have become, of such experience,
that already you'll have understood what these Ithakas mean.


Constantine P Cavafy

Il-Ħamis, 26 ta’ Marzu 2009

Żewġ Poeżiji ta' Joseph Carmel Chetcuti: Identita' (1983) u Bi Tweġiba (1984)












Joseph Carmel Chetcuti
avukat, kittieb u attivist pijunier Malti-Awstraljan


IDENTITA'


malti?
iva.

awstraljan?
aktarx.

etniku?
fi żgur.

kattoliku?
le.

x'affarijiet dawn!

miżżewweġ?
le.

tfal?
anqas.

mgħawweġ?
iva.

issa nifhem kollox...
i...x'se jgħidu n-nies!


9 ta' Ġunju 1983

BI TWEĠIBA

miżżewweġ
eterosesswali
bit-tfal
u xorta nsewh
u xorta miet waħdu.


17 ta' Ġunju 1984

aktar tagħrif fuq www.queermalta.com

Immanuel Mifsud: tagħrif u messaġġ dwar Letteratura Gay












Immanuel Mifsud

"...L-ewwel nett nifirħilkom li waqqaftu dan il-blogg. Hija inizjattiva li hija importanti ħafna mhux biss għall-komunita' gay f'Malta imma wkoll għall-iżvilupp letterarju kollu kemm hu. F'Malta għad m'hawnx letteratura gay, u għalkemm jien għandi numru ta' karattri li huma omosesswali, tiegħi m'hijiex letteratura gay fis-sens ta' kif jinftiehem dan it-terminu barra minn Malta minħabba li jien ma nappartjenix għall-komunita' gay.

Madankollu, bħala kittieb u anki akkademiku li nistudja l-letteratura, nieħu gost b'din l-inizjattiva, bit-tama li anki aħna jkollna letteratura gay u, j'alla 'l quddiem ukoll, kritika letterarja gay (nuqqas ieħor li jispikka ħafna)..."

Immanuel Mifsud twieled fl-1967, f'familja tal-ħaddiema mir-Raħal Ġdid. Huwa beda jikteb il-poeżija meta kellu sittax, fiż-żmien li fih ħadem biex twaqqaf il-grupp letterarju Versarti.

Beda jikteb skripts u jidderieġi drammi esperimentali. Ħadem drammi ta' Chekhov, Dario Fo, Max Frisch, Federico Garcia Lorca, David Mamet u Harold Pinter.

Immanuel Mifsud kiteb numru ta' kotba ta' poeżiji u novelli u diversi xogħlijiet tiegħu nqalbu u ġew ippubblikati f'pajjiżi differenti.

Fl-2002 rebaħ il-Premju Nazzjonali għal-Letteratura bil-ktieb L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut, li ġie nnominat għall-Premio Strega Europa. Fl-2005, il-ktieb tiegħu Kimika qajjem kontroversja minħabba materjal meqjus "maħmuġ", u filwaqt li xi gazzetti ħarġu kritika qawwija fuqu, oħrajn irrifjutaw li jippubblikaw reċensjonijiet dwaru.

KOTBA TA' IMMANUEL MIFSUD BI STEJJER LI FIHOM JISSEMMEW KARATTRI GAY:





















Iktar tagħrif fuq www.immanuelmifsud.com