Il-Ġimgħa, 3 ta’ April 2009

Silta mid-Dramm "Iċ-Ċella" ta' S. Portelli









Karattri:


§ Wardasewda, priġunier ismar u mibni, eta’ madwar 40 sena.

§ Kanarin, priġunier irqiq u żagħżugħ, eta’ madwar 20 sena, tattoo fuq spallejh

§ Gwardjan, raġel twil, atletiku, eta’ madwar 30 sena


Ċella vojt ta’ ħabs. Spotlight fuq in-nofs fejn jidher il-gwardjan. Mal-ġnub tiegħu jidhru Kanarin u Wardasewda faċċata ta’ xulxin, mingħajr ma jitħarrku, wieħed fuq ix-xellug u l-ieħor fuq il-lemin tal-Gwardjan.












Gwardjan: Liż-żagħżugħ gabuh hawn fil-ħabs fi stat ta’ ġenn, ta’ ġenn totali. Kienet l-ewwel esperjenza tiegħu bejn ħitan magħluqa. Għalkemm ga’ kien delinkwent żgħir, l-esperjenza tal-ħabs għalih kienet trawma. Kien jibki u jgħajjat matul il-lejl, jokrob bl-uġigħ, l-iktar dak psikologiku.


Kienu akkuzawh li qatel lil wieħed xiħ li kien daħħlu d-dar wara li ġabru fil-ġnien ta’ wara l-knisja. Ix-xiħ ried ikun jaf liż-żagħżugħ ‘aħjar’, biex ngħidu hekk. Naħseb fhimtuni, x’irrid ngħid. Iż-żagħżugħ, fil-bluha taż-żgħożija tiegħu, approfitta ruħu biex jisraq lix-xiħ. Ħlief li mar żmerċ għax ix-xiħ intebaħ li ż-żagħżugħ kien ser jieħu l-flus u qabad jargumenta miegħu. Heddu li se jċempel lill-pulizija. Iż-żagħżugħ ipprova jaħrab, ix-xiħ qabad iċempel, bdiet taqtiegħa qalila u ż-żagħżugħ ħareġ il-mus u…nsomma affarijiet li drajna nisimgħu bihom, naqraw fuqhom fil-ġurnali.


L-għada t-tfal tax-xiħ sabuh mejjet fis-salott wara li dan ma weġibhomx. Bdiet it-tfittxija u ma damux ma arrestaw liż-żagħżugħ. Għamlulu proċess ta’ malajr u daħħluh hawn ġew wara s-sentenza. Ma kellux min jiddefendih. Ġħall-ewwel kien joqgħod waħdu, bħal mutu, ma jkellem lil ħadd. Kienu jaqbdu ħafna miegħu. Niftakru għaddej fil-kuriduri kisħin u twal, fl-ibtieħi mudlama, waħdu, mnikket…


Imbagħad gie Wardasewda li kien akkużat bi qtil tal-mara li kien iħobb u li qabadha taqlibhielu. Hu jsostni li huwa nnoċenti u mhux hu kien li qatilha. Min jafu sew jgħid li Wardasewda jasal biex joqtol, iżda dwaru m’hemmx provi. Minkejja dan kollu ntbagħat għaxar snin ħabs u nzerta ġie fit-taqsima taż-żagħżugħ.










Wardasewda u ż-żagħżugħ mill-ewwel nġibdu lejn xulxin, bħal żewġt aħwa, wieħed il-kbir u l-ieħor iż-żgħir, żewġt aħwa fid-delinkwenza. Jissarraw, jiċċajtaw, jieħdu gost flimkien, wara ftit ġimgħat kienu nbidlu għal kollox. U hekk bdiet r-rabta stramba ta’ bejn il-ġgant Wardasewda u ż-żagħżugħ Kanarin kif beda jsejjaħlu Wardasewda...


Jintefa’ d-dawl tal-ispotlight u l-gwardjan joħroġ. Jixgħel id-dawl, jibdew jiċċaqilqu u jitkellmu Wardasewda u Kanarin..

----

Wardasewda: U int…kieku ma tgħinnix?


Kanarin: Biex nagħmlu xiex?



Wardasewda: Biex noqtluh.


Kanarin: Ma rridx nerġa’ niddaħħal fi ħwejjeġ bħal dawn. Ġa’ biżżejjed li ntbgħatt għoxrin sena ħabs talli qtilt lix-xiħ.


(jitbikkem)


Wardasewda: Ma ridtx infakkrek. Skużani ħabib jekk weġġajtek.


Kanarin: (ikompli jitbikkem)


Wardasewda: Aħna t-tnejn tal-istess razza, magħmulin tal-istess stoffa, bl-istess demm qattiel fil-vini tagħna. Bħall-aħwa. Għalhekk tinkwetax…


Kanarin: Insiha. Imm’issa għidli, meta ser tkun ħieles, ser tibqa’ tiġi żżurni?


Wardasewda: Dażgur li niġi, ħabib. Nibqa’ niġi ta’ sikwit bħal ma ġejt kuljum fiċ-ċella tiegħek matul il-priġunerija tagħna flimkien.













Kanarin: Grazzi, xbin.


Wardasewda: Għedtlek ġa’. Aħna tal-istess demm.

(jerġa’ jgħannaq lil Kanarin miegħu)


Meta rajtek għall-ewwel darba, mal-ewwel għaraftek, avolja ma kontx nafek. Għaraft li int tixbahni. Anzi – mhux biss tixbahni, imma int bħali, bħal ħija ż-żgħir. Qatt ma kelli ħija żgħir,dejjem xtaqt ikolli tifel biex nieħu ħsiebu, mindu kont żgħir. Kont narak ġoċ-ċella tiegħek, mistħi,bħal tistenna lil xi ħadd jiġi biex isalvak, jaqilgħek mis-swidija li kont waqajt fiha. Naħseb kienetil-ħarsa tiegħek, meta rajt ix-xbiha tiegħek fil-mera. U t-tpinġija ta’ fuq spallejk.


Kanarin: (bid-daħka) It-tpinġija ta’ Kanarin? (iħares lejn it-tpinġija fuq spallejh)


Wardasewda: Iva, t-tpinġija fuq spallejk ġiegħlitni nsejjaħlek Kanarin. Intbaħt li kien hemm xi ħaġa fik li jien kont naf sew avolja qatt ma kont iltqajt miegħek qabel. Xi ħaġa ħelwa u fl-istess ħin perikoluża…bħal ħelwa miksija bil-velenu…jew sikkina taqta’ il-laħam il-ħaj...


Kanarin: U issa ser jifirduna…


Wardasewda: Għad nerġa’ niġi hawn, Kanarin u nġiblek miegħi għasfura sabiħa wkoll. Għasfura li magħha tieħu gost u jkollok ukoll il-flieles.


Kanarin: Kif nista’ nagħmlu dan minn hawn ġew?



Wardasewda: Int ibża’ għall-imgieba tiegħek u jagħtuk il-liberta’ kif tawha lili.


Kanarin: Ma naħsibx, Wardasewda. Naħseb li ser ikolli nqatta’ l-bqija tal-jiem ta’ ħajti maqful f’din iċ-ċella sewda, ninqered bil-mod il-mod waqt li int tibda ħajja ġdida, ‘il bogħod minni. U lili ħadd ma jarani iktar, ħadd ma jkun jaf iktar bija…u dal-kliem ma jkun sewa għalxejn, qisu qatt ma’ sar…

Wardasewda: (ma jitniffisx)

No comments:

Post a Comment