
Dnub tan-nisel
Minkejja d-diversi sforzi
biex naħarbu minnha,
dawn il-memorji kollettivi
jankrawna ma’ dil-blata...
nibqgħu kkakkmati magħha,
nibdew nikkumparawha ma’ barra
u naslu għas-solita konlużżjoni
li m’hawnx isbaħ minnha.
Bħal litanija, l-ommijiet
iġeddu t-tifkiriet t’artna
li ma mmorrux ninsew
minn xiex għaddejna.
Biex nitgħallmu min aħna!
Tagħmel x’tagħmel,
qatt ma teħles
mid-dnub tan-nisel

Exiles
Id-dehra tiegħek ftit il-bogħod
bil-qiegħda fuq il-blat
bil-mużika ta’ żmienna fl-isfond
fuq jukebox, ħaditni lura
ħdejn il-venda tal-linja tal-Belt,
qalbi tferfer, wiċċek jixgħel, samrani,
il-libsa t-twila vjola tal-qoton,
mnejn bdejna, ilu 34 sena.

Gaia
Wara din id-daħqa sterilizzata,
taħt din il-maskra kwalifikata
li permezz tagħha ninnegozjaw
il-bżonnijiet tal-ġisem
li nħema f’ġufek
fi żmien il-qedem,
naħbu n-natura l-baxxa,
nippreżentaw l-imħuħ brillanti tar-razza,
nippużaw għal xulxin
fir-relazzjonijiet diżumani
fuq żewġ saqajn -
skerz tan-Natura -
tant li fis-sapjenza divina tagħna,
fil-ħama ta’ ħsibijietna,
fil-ħażen ta’ qalbna,
ma nirrejaliżżawx
kemm ħassarna dak kollu li ħloqt:
l-art, l-ilma, l-arja.
L-iktar speċi
distruttiva fost l-ispeċi kollha;
l-iktar intelliġenti, l-iktar krudili.
Għalxejn nitolbuk maħfra.
Tant ħriġna l-kruha ta’ rwieħna
li missek tisħet il-mument
li ħloqt l-Art mill-Kaos
biex tipproduċi xi ħaġa moqżieża daqsna.
Nistħu nitolbuk maħfra, omm ħanina.
Fl-aħħar mill-aħħar, nafu l-eżistenza
tagħna lilek, u tlajna, tfal ingrati
li kif tgħallmu jimxu, ħasbu li saru allat
u raw kif jagħmlu biex jiddominaw id-dinja.
Joe Brincat
No comments:
Post a Comment