Is-Sibt, 14 ta’ Marzu 2009

FUQ IT-TILA

Anġli u lsiera
fuq tila tażejt
bl-iswed iberren fuqna.

u diġa' qed iberraq
u diġa' ix-xemx tjassret mill-isqra tal-ħadid
u diġa' bqajna biss aħna t-tnejn
int anġlu u jien ilsir
f'dil-poża għal dejjem

IŻ-ŻWIEĠ

Sejjħu l-aqwa għannejja bl-oħla ilħna
bi flawti u fifri tisfir rużinjol,

sejjħu l-aqwa bejjiegħa ta' żjut it-tidlik,
sejjħu l-aqwa għannejja, żeffiena u poeti,

għax illum Festa Kbira!

Fl-għadajjar niżżluhom jinħaslu mid-dmija
ta' mitt ferita u minn mitt taqtiegħa,
mid-dmugħ ta' mitt taħbita,
irtukkaw wiċċhom, ġisimhom,
iħejju għall-imħabba,
inżebgħu bi ħxejjex u żżejjnu bil-ward
u weraq is-siġar għolja,
servewhom ta' għata.

Imbagħad tajjru ħamiema
u bkiet ir-rebbiegħa

is-sajf imliehom bix-xita ħanina,
dehbithom il-ħarifa
ix-xitwa fethet fuqhom l-isbaħ ward abjad,
ix-xjuħ tawhom dehnhom,
iż-żgħażagħ imħabba,
u t-tfal tawhom l-hena.

Laqqgħuhom fl-ilma ta' taħt il-ħdura
fejn dijet ix-xemx minn ġol-weraq tingħaqad maż-żiffa tas-sema kaħlani,
u l-mewġ tal-baħar iħaddan xtajta niexfa,
jgħannilha għanja siekta,

il-qamar bil-lejl kebbishom fil-fidda tal-ġonna,
saqilhom merħliet lejn mergħat bla tmiem,
qatgħat ta' tjur lejn l-għadajjar mimlija
ix-xgħir fir-raba jogħla

u x-xmara ħadtihom,
bħal ma tieħu s-silġ minn fuq l-iġbla ħarxa
u tħollu fil-ħajja.


2 comments:

  1. Din traduzzjoni vera tajba. Nixtieq inkun naf min int. Ghax napprezza t-talent letterarju tieghek.

    ReplyDelete
  2. Din mhijiex traduzzjoni, iżda kitba oriġinali bil-Malti. Għal iktar tagħrif dwar it-Tim Letteratura Gay, ibgħat email fuq letteraturagay@gmail.com. Grazzi

    ReplyDelete