L-Erbgħa, 18 ta’ Marzu 2009

Il-Ġganti (b'dedika lil Patrick Attard)









Il-ġganti ma jgħixux biss fl-imgħoddi
tal-leġġendi antiki tagħna
fost torrijiet u iġbla ħarxa.

Il-ġganti għadhom magħna.

Iva, għadhom magħna,
jissieltu bil-qalb kbira tagħhom,
kontra l-isqra suwed joħduha,
għall-ħelsien tal-imgħaffġin kollha,

Fuq ix-xtut imbewwsa mir-riħ u mill-mewġ għatxan,
jiġru fl-arja kaħlanija
sa ma jsibu d-destin erojku tagħhom.

Dan huwa Patrick, wieħed mill-ġganti tal-ħelsien,
kbir mhux fil-ħoss iżda fl-istatura tal-ġustizzja tiegħu,
Iben id-Dawl,
vers minqux fuq il-ġebel jaħraq tal-qlubija,
tajra ħielsa fis-sema mikxuf tar-rebbiegħa,
fjamma tiddi fid-dlam tal-lejl bla rima,
fit-tfittxija u d-difiża tal-verita' mgħottija.

Fih rajt is-saħħa tal-vjaġġatur
li fil-ħolma tiegħu għaraf x'hemm in-naħa l-oħra tax-xefaq,
dinja mhux imsaħħra,
imma mibnija bil-qawwa ta' drigħ in-nies kollu li jaħdmu
biex jaqilgħu il-ħobża tagħhom ta' kuljum
u mwieżna bil-ħlewwa u bl-imħabba tal-għajn ħanina.

Soċjeta' li tħobb, li tibni, li tilqa', li tgħannaq u tħaddan....

Insellimlek, ja eroj ġdid Malti
u noffrilek
l-isbaħ ward u rand f'dal-versi.

Steve

No comments:

Post a Comment