It-Tnejn, 16 ta’ Marzu 2009

QATT (B'dedika lil m.)

Qatt kont maħbub?
Imma tassew maħbub?

B'imħabba li ssibha biss f'xi ħrafa
u l-gidba tkun biss dagħwa,
b'temp dejjem ikun bnazzi
bħal triq lixxa bla tumbati?
Fejn is-sinċerità tkun l-ordni tal-ġurnata
u li tħares lejn wiċċ ieħor tkun ġennata.
F'baħar kalm u bla imbatt
bi tbissima li ma tmut qatt
Għax l-argument miġġieled l-aktar
min se juri mħabba akbar

...... Jien lanqas

Qatt ħlomt il-ħolma?
Il-ħolma li tibqa' dik li hi?

Ta' dar komda f'tarf l-irdumijiet
għassa dejjiema tal-baħar u l-ilmijiet
Imgeżwrin fuq sufan żewġt'iqlub tewmin
imħabbithom bħal tarka għax-xhur xitwin.
B'ħarsithom mitfugħa lejn l-orizzont
taż-żernieq ta' storja ta' mħabba bla kont
M'hemmx aktar barrieri ta' mistħija
għax kull parti ta' ġisimhom ġiet miflija
Lejl mimli azzjoni ġie mwiegħed
sakemm it-tnejn isiru ġisem wieħed

...... Jien ukoll

Qatt kont sinċier?
U ma gdibtx miegħek innifsek?

Tammetti li hekk kif tilmaħ l-ombra tiegħu
titlob lil xi alla li tħokk miegħu?
Tħoss il-preżenza tiegħu qed iġġennek
Hekk kif dan bil-mod jersaq ma' ġenbek
Min jaf kemm ħin qattajt hemm tistennih
Tittama f'xi miraklu li jinduna bik
U kif idur, ħarstu li ddewweb jitfa' lejk
Tistenna s-sinjal li ma jħallikx bejn ħaltejn.
Għax l-unika ħolma u xewqa tiegħek
Li jqatta' ħinu u mħabbtu kollha miegħek

...... Lanqas jien

Qatt fittixt?
Fittixt f'kull rokna m'erbat irjieħ?

Biex issib l-imħabba li tagħmlek bniedem sħiħ
L-imħabba li ssaħħnek u twieżnek f'kull ħin
Anke jekk ħajtek u li tkun bnejt tagħmlu dħin?
Għax x'jiswa l-karriera u l-flus li tkun ġemmajt
Jekk tisfa' b'xejn, waħdek, għax bqajt l-art?
X'hemm isbaħ, imqar jekk għal ftit
Tkun aċċettat u apprezzat ta' dak li int?
Anke jekk flok saqqu komdu u rikk
tispiċċa titmiegħek tnaddaf wiċċ konkrit.
Dejjem aħjar minn sodda għal tnejn,
mifruxa għal xejn

...... Anke jien

Jgħidu li qatt
m'għandek titlef okkażjoni li tiġik
Kultant ikollok tikkuntenta b'dak li ssib
Għax xi darba għad tkun kuntent li hekk għamilt!

Sam

No comments:

Post a Comment