Il-Ħamis, 19 ta’ Marzu 2009

Żewġ poeżiji ta' Joe Brincat









Jien u nikteb


Jien u nikteb naf li m’hawn ħadd jismagħni

u dak kollu li ngħid itir mar-riħ:

il-poeżija ilha ma tkun arti

li taf tattira l-widna tas-semmiegħ.


Ma nistagħx nitkellem b’vuċi ta’ wieħed

li jista’ jħott il-miti tal-fidili,

għalhekk f’ħajti jkolli nibqa’ nitbiegħed

minn dak li biż-żmien inġemgħa f’qiegħ idi.


Għax naf li ħajjitna ma tfisser xejn

ħlief l-allarm tal-miġja u l-ħin tat-tluq

u dat-taqlib kollu m’għandux għalfejn


jaqtagħlna qalbna - bagħtejna bħal dejjem.

Kieku stajt nagħmel diskors tal-għeluq

kont ngħid li twelidna u mitna bħal bhejjem.


Siġriet












Il-Lhud kienu għadhom fil-kampijiet,

l-irmied fix-xagħar, ir-riħa ta’ l-iġsma fl-arja;

anki biex ibusek, bil-ħarba,

taħlita ta’ mistħija u dieqa,

jiġbed idejh lura minn qaddek,

wara li stennik, siegħa sħiħa,

fix-xita, ħdejn it-Tliet Siġriet.


Fid-dawl dubjuż tal-kamra laterali

żvolġiet is-soltu diskursata

dwar litanija ta’ temi soċjali,


il-preġji u d-difetti ta’ din Malta.


Kont għadni ġej mill-ikla tal-Milied,

skonvolt mill-ħsieb li jista’ jkun li x-xiħ

kien tilef postu u sar rmied

fil-Panteon ta’ ommi – rari ssemmih


ħlief għal xi frażijiet:

‘kien raġel sew’, ‘miskin’,

li jservu ta’ tifkira

ta’ meta ġuvni mill-Imsida ħa tixriba,


għax ħallejtu jistenna għal ħafna ħin

sakemm tfaċċajt, hemm,

taħt it-Tliet Siġriet.

2 comments:

  1. Nifirhilkom li qed taghmlu xi haga bil-Malti ghax iddejjaqt naqra kollox bl-Ingliz. Tislijiet. Joseph Carmel Chetcuti

    ReplyDelete
  2. Grazzi Joseph tal-kummenti tiegħek u prosit tax-xogħol li qiegħed tagħmel b'riżq il-komunita' LGBT Maltija.

    ReplyDelete