It-Tnejn, 16 ta’ Marzu 2009

Żewġ poeżiji ta' Sam

MISSNI

Missni b'ponot subgħajk
Mellisni bil-pali ta' idejk
Iva, hekk,
Missni, mellisni .....

Bħal mitluf li jofroq baħar deżert
B'għatx kbir fuqu li jibla' oċean
B'ġismu mifluġ minn qillet ix-xemx
Bla dar fissa, jfittex il-kenn
Hekk għext ħajti, bla bidu, bla tmiem
Sakemm sibtek biex f'dirgħajk sodi nistkenn.

Missni b'ponot subgħajk
Mellisni bil-pali ta' idejk
Iva, hekk,
Missni, mellisni .....

Ġildi xrafet għal ħarset in-nies
Ġismi sar vjola u mbenġel b'daqqiet
Mingħand dawk li qalu li jħobbuni qattigħ
Sakemm għidtilhom li mħabbti jien sibt
U dlonk bdew jgħajjruni li miniex normali
Sempliċiment għax ħabbejt tifel tampari.

Missni b'ponot subgħajk
Mellisni bil-pali ta' idejk
Iva, hekk,
Missni, mellisni .....

Dħalt fi knisja biex nersaq għall-qrar
Mimli tama li se nsib is-serħan
Il-qassis tmasħan u mtela' bir-rabja
Għax għidtlu li jien ġuvni nħobb u mhux tfajla
Fuq tagħlim Kristu jien bdejt inmerih
Għax jien ċert li fih biss insib il-mistrieħ.

Missni b'ponot subgħajk
Mellisni bil-pali ta' idejk
Iva, hekk,
Missni, mellisni ......

Il-politiċi li jinsewk għal tant snin
Għall-vot tiegħek dawn jiġuk wara l-bieb
U jgħidulek li bi dritt, mhux b'xi pjaċir
Jiddefenduk u jagħtuk id-drittijiet
Il-poter jiksbu, bil-partit joħroġ rebbieħ
U malajr kliemhom jerġa' jtir kollu mar-riħ.

Missni b'ponot subgħajk
Mellisni bil-pali ta' idejk
Iva, hekk,
Missni, mellisni.

Neħħili l-maskra li lbist għal wiċċ in-nies
Naddafli moħħi mill-għanqbut taż-żminijiet
Aħsilli għajnejja miż-żlieġa tad-dlamijiet
Iftaħli mnifsejja biex inxomm ward ir-rebbiegħa
Mellisli xufftejja bil-passjoni ta' ruħek nadifa
Ħolli lsieni ħalli ntiegħem imħabbtek sinċiera.

Missni b'ponot subgħajk
Mellisni bil-pali ta' idejk
Iva, hekk,
Missni, mellisni .....

Sam

No comments:

Post a Comment