
Jien u nikteb
Jien u nikteb naf li m’hawn ħadd jismagħni
u dak kollu li ngħid itir mar-riħ:
il-poeżija ilha ma tkun arti
li taf tattira l-widna tas-semmiegħ.
Ma nistagħx nitkellem b’vuċi ta’ wieħed
li jista’ jħott il-miti tal-fidili,
għalhekk f’ħajti jkolli nibqa’ nitbiegħed
minn dak li biż-żmien inġemgħa f’qiegħ idi.
Għax naf li ħajjitna ma tfisser xejn
ħlief l-allarm tal-miġja u l-ħin tat-tluq
u dat-taqlib kollu m’għandux għalfejn
jaqtagħlna qalbna - bagħtejna bħal dejjem.
Kieku stajt nagħmel diskors tal-għeluq
kont ngħid li twelidna u mitna bħal bhejjem.
Siġriet
Il-Lhud kienu għadhom fil-kampijiet,
l-irmied fix-xagħar, ir-riħa ta’ l-iġsma fl-arja;
anki biex ibusek, bil-ħarba,
taħlita ta’ mistħija u dieqa,
jiġbed idejh lura minn qaddek,
wara li stennik, siegħa sħiħa,
fix-xita, ħdejn it-Tliet Siġriet.
Fid-dawl dubjuż tal-kamra laterali
żvolġiet is-soltu diskursata
dwar litanija ta’ temi soċjali,
il-preġji u d-difetti ta’ din Malta.
Kont għadni ġej mill-ikla tal-Milied,
skonvolt mill-ħsieb li jista’ jkun li x-xiħ
kien tilef postu u sar rmied
fil-Panteon ta’ ommi – rari ssemmih
ħlief għal xi frażijiet:
‘kien raġel sew’, ‘miskin’,
li jservu ta’ tifkira
ta’ meta ġuvni mill-Imsida ħa tixriba,
għax ħallejtu jistenna għal ħafna ħin
sakemm tfaċċajt, hemm,
taħt it-Tliet Siġriet.
Nifirhilkom li qed taghmlu xi haga bil-Malti ghax iddejjaqt naqra kollox bl-Ingliz. Tislijiet. Joseph Carmel Chetcuti
ReplyDeleteGrazzi Joseph tal-kummenti tiegħek u prosit tax-xogħol li qiegħed tagħmel b'riżq il-komunita' LGBT Maltija.
ReplyDelete